Mistoqsija u Riposta

Għaliex hemm il-ħtieġa li tittieħed azzjoni fil-livell tal-UE dwar il-prodotti tal-plastik li jintużaw darba waħda biss?

Hemm numru ta’ raġunijiet għaliex għandha tittieħed azzjoni dwar oġġetti tal-plastik li jintużaw darba biss:

  • Din hija kwistjoni ambjentali. L-iskart fil-baħar huwa problema ewlenija fl-Ewropa, li jikkontribwixxi għat-tniġġis tal-ambjent marin; dan jiġġenera wkoll spejjeż għas-soċjetà, mit-tindif tax-xtut u effetti fuq it-turiżmu, għal theddid potenzjali għas-saħħa. Dawn l-ispejjeż jitħallsu mill-baġits privati u pubbliċi bl-istess mod. Għalhekk hemm il-ħtieġa li prodotti tal-plastik li jintużaw darba biss, li huma partikolarment suxxettibbli għall-iskart, u li ħafna drabi jaħarbu minn skemi ta’ ġbir ta’ skart, li fl-aħħar mill-aħħar jikkontribwixxu għal aktar minn nofs l-iskart fil-baħar, jiġu indirizzati.
  • Din hija kwistjoni tas-suq uniku, hekk kif aktar u aktar Stati Membri jew awtoritajiet lokali jieħdu azzjonijiet individwali biex jipprojbixxu tipi varji ta’ prodotti tal-plastik li jintużaw darba biss, filwaqt li azzjonijiet fil-livell lokali jimmiraw li jnaqqsu l-konsum ta’ ċerti tipi ta’ oġġetti. Ir-riskju ta’ frammentazzjoni huwa reali, u jeħtieġ li jkun hemm kundizzjonijiet ugwali.
  • Din hija opportunità ekonomika, biex il-prodotti tal-plastik li jintużaw darba biss u li jikkawżaw l-iktar ħsara jkunu innovattivi u jiġu sostitwiti bi prodotti jew b'mudelli tan-negozju iktar innovattivi — pereżempju billi r-rwol mexxej li għandha l-UE fil-bijoekonomija jintuża bħala bażi, jew billi jiġu stabbiliti skemi ta’ teħid lura u użu mill-ġdid li joħolqu impjiegi lokali. Din il-leġiżlazzjoni sejra toffri ċarezza, u l-ekonomiji ta’ skala meħtieġa għall-investiment u l-innovazzjoni fis-Suq Uniku.
  • Din hija appoġġjata miċ-ċittadini. Iċ-ċittadini tal-UE huma konxji minn din il-kwistjoni u jridu azzjoni. Skont stħarriġ riċenti tal-Ewrobarometru, 87 % tal-Ewropej jinkwetaw dwar l-impatt ambjentali tal-plastik; 74 % jinkwetaw dwar l-impatt tiegħu fuq is-saħħa tagħhom; 94 % jaħsbu li l-prodotti għandhom ikunu ddisinjati biex jiffaċilitaw ir-riċiklaġġ; u l-istess perċentwal jaħsbu li l-industrija u l-bejjiegħa bl-imnut għandhom jippruvaw inaqqsu l-imballaġġ tal-plastik.

Għaliex il-Kummissjoni pproponiet Direttiva ġdida biex tindirizza l-iskart fil-baħar?

Aktar minn 80 % tal-iskart fil-baħar huwa plastik. Il-Kummissjoni Ewropea pproponiet regoli ġodda madwar l-UE kollha li huma mmirati lejn l-għaxar (10) prodotti tal-plastik li jintużaw darba waħda biss li l-iktar li jinstabu fuq ix-xtut u fl-ibħra Ewropej, kif ukoll għall-irkaptu tas-sajd mitluf u abbandunat. Dawn il-prodotti huma l-akbar parti tal-problema. Flimkien jikkostitwixxu 70 % tal-oġġetti kollha tal-iskart fil-baħar.

Biex tindirizza din il-problema, il-Kummissjoni poġġiet fuq il-mejda sett ta’ miżuri komprensivi. Id-Direttiva dwar it-tnaqqis tal-impatt fuq l-ambjent ta' ċerti prodotti tal-plastik hija parti integrali mill-approċċ usa’ mħabbar fl-Istrateġija dwar il-Plastik, u element importanti tal-Pjan ta’ Azzjoni dwar Ekonomija Ċirkolari. Permezz ta’ din il-proposta, l-Ewropa qed tilħaq l-impenji tagħha fuq livell globali biex tindirizza l-iskart fil-baħar li jor iġina mill-Ewropa.

X'se jkun l-impatt ta’ din id-Direttiva fuq l-iskart fil-baħar?

L-implimentazzjoni ta’ din il-proposta għandha l-għan li tnaqqas l-iskart b'iktar min-nofs għall-għaxar oġġetti tal-plastik li jintużaw darba biss, u tevita dannu ambjentali illi kieku se jiswa €223 biljun sal-2030. Se tevita wkoll l-emissjoni ta' 3.4 miljun tunnellata ta' ekwivalenti għad-diossidu tal-karbonju sal-2030.

Din il-proposta għandha wkoll benefiċċji ekonomiċi; li tissostitwixxi oġġetti tal-plastik li jintużaw darba waħda biss ma’ alternattivi aktar innovattivi li jistgħu joħloqu sa 30,000 impjieg, billi tibni fuq ir-rwol minn ta’ quddiem li għandha l-UE fil-bijoekonomija.

X'inhuma l-elementi ewlenin tal-proposta tal-Kummissjoni?

Din l-inizjattiva tindirizza direttament l-iktar għaxar prodotti tal-plastik komuni li jintużaw darba waħda biss li jinstabu fuq ix-xtut tal-UE; u l-irkaptu tas-sajd abbandunat, mitluf u mormi — li flimkien jikkostitwixxu 70 % tal-oġġetti kollha tal-iskart fil-baħar. Il-proposta tittratta l-kawżi primarji tal-problema. Dan ifisser li wieħed iħares lejn kif dawn l-oġġetti huma prodotti, distribwiti u użati min-negozji u l-konsumaturi, kif jintremew, u kif xi wħud minnhom jispiċċaw fuq ix-xtut, fl-ibħra u fl-oċeani.

Is-settijiet ta’ miżuri li ġejjin huma proposti:

  • Projbizzjoni tal-kontenut tal-plastik, jew ta' elementi tal-kontenut tal-plastik, ta’ ċerti prodotti, bħal stikek tal-cotton buds, pożati, platti, straws, stikek li jintużaw biex iħawdu x-xorb u stikek tal-bżieżaq, li minflok għandhom kollha jkunu magħmulin esklussivament minn materjali aktar sostenibbli.
  • Miri għat-tnaqqis fil-konsum: L-Istati Membri se jkollhom inaqqsu l-użu tal-kontejners tal-ikel u t-tazzi tax-xorb magħmulin mill-plastik.
  • Obbligi għall-produtturi li se jgħinu biex jiġu koperti l-ispejjeż tal-immaniġġjar tal-iskart u t-tindif, kif ukoll tal-miżuri ta' sensibilizzazzjoni għall-oġġetti tal-plastik li jintużaw darba biss.
  • Miri ta' ġbir: L-Istati Membri se jkunu obbligati li sal-2025 jiġbru 90 % tal-fliexken tax-xorb tal-plastik li jintużaw darba biss, pereżempju permezz ta' skemi tar-rimborż tad-depożitu.
  • Rekwiżiti tat-tikkettar: Uħud mill-prodotti se jkunu jeħtieġu tikkettar li jindika kif għandu jintrema l-iskart, l-impatt ambjentali tal-prodott, u l-preżenza tal-plastik fil-prodotti.
  • Miżuri ta' sensibilizzazzjoni: L-Istati Membri se jkollhom l-obbligu li joħolqu għarfien fost il-konsumaturi dwar l-impatt tal-prodotti tal-plastik li jintużaw darba biss u tal-irkaptu tas-sajd, kif ukoll dwar is-sistemi għall-użu mill-ġdid u l-għażliet għall-immaniġjar tal-iskart għal dawn il-prodotti kollha.

Proposta għal direttiva dwar it-tnaqqis tal-impatt fuq l-ambjent ta’ ċerti prodotti tal-plastik: dokumenti ewlenin

Il-Kummissjoni, kif identifikat il-prodotti li għandhom jitpoġġew fil-mira?

Il-proposta tiffoka fuq l-iktar għaxar (10) prodotti tal-plastik komuni li jintużaw darba waħda biss li l-iktar jinstabu fuq ix-xtut Ewropej, li jirrappreżentaw 86 % tal-iskart kollu tal-prodotti tal-plastik li jintuża darba waħda biss fuq ix-xtut u jammonta għal madwar nofs l-iskart tal-plastik fil-baħar.

Iċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka tal-Kummissjoni ġabar u pproċessa d-data fil-kuntest tal-implimentazzjoni tad-Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina, u jibni fuq ix-xogħol tal-erba' konvenzjonijiet reġjonali tal-baħar u tal-Grupp Tekniku dwar l-iskart fil-baħar. Intuża kampjun rappreżentattiv li jkopri 276 xatt fis- 17-il Stat Membru tal-UE u erba’ (4) Ibħra Reġjonali matul l-2016. It-355,671 oġġett osservati ġew ikklassifikati skont l-abbundanza tagħhom. Ir-riżultati jieħdu in kunsiderazzjoni eżerċizzji oħrajn ta’ monitoraġġ u jikkonkludu li l-iktar għaxar (10) oġġetti misjuba kienu stabbli matul is-snin u madwar l-ibħra reġjonali differenti.

Liema għaxar (10) prodotti ntgħażlu?

Il-prodotti tal-plastik li qed tiffoka fuqhom il-Kummissjoni huma l-cotton buds, il-pożati (inkluż platti, straws u stikek li jintużaw biex iħawdu x-xorb), il-bżieżaq u l-istikek tal-bżieżaq, il-kontenituri tal-ikel, il-kikkri għax-xorb (inkluż l-għotjien tagħhom), il-fliexken u l-kontenituri għax-xorb, il-loqom tas-sigaretti, il-basktijiet, il-pakketti għall-krisps u l-boroż għall-ħelu, il-wet wipes u l-oġġetti sanitarji, ul-i rkaptu tas-sajd.

X’inhu l-kuntest legali ta’ din il-proposta?

Fl-2015 il-Pakkett tal-Ekonomija Ċirkolari kien jinkludi proposti biex tiġi mmodernizzata l-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-iskart li fuqu ntlaħaq ftehim bejn l-Istituzzjonijiet f’Diċembru 2017. Il-leġiżlazzjoni l-ġdida tinkludi dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-prevenzjoni tal-iskart u l-iskart fil-baħar.

Fis-16 ta’ Jannar 2018 il-Kummissjoni adottat l-“ Istrateġija Ewropea għall-Plastiks f’Ekonomija Ċirkolari” , li tirrikonoxxi li l-iskart fil-baħar jibqa’ kwistjoni u li l-plastik huwa sors sinifikanti ta’ tniġġis. Hija tikkonferma, fil-pjan ta’ azzjoni tagħha, li se tiġi eżaminata azzjoni addizzjonali dwar l-irkaptu tas-sajd, inkluż skemi ta’ Responsabbiltà Estiża tal-Produtturi u/jew skemi ta’ depożitu.

Ir-Regolament Komuni dwar il-Kontroll tal-Politika tas-Sajd fih miżuri dwar l-irkupru u r-rappurtar dwar irkaptu tas-sajd mitluf, kif ukoll ir-rekwiżit li l-irkaptu tas-sajd ikun immarkat. Il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd (FEMS) jippermetti lill-Istati Membri jappoġġaw finanzjarjament il-ġbir ta’ skart fil-baħar kif ukoll jinvestu fil-faċilitajiet tal-port għall-ġbir tal-iskart.

Il-proposta leġiżlattiva tal-Kummissjoni tal-2018 dwar il-faċilitajiet ta’ akkoljenza fil-portijiet tinkludi miżuri biex jiġi żgurat li l-iskart iġġenerat fuq il-vapuri jew miġbur mill-baħar jiġi ritornat lejn l-art u ġestit b’mod adegwat. Huwa jirreferi b’mod espliċitu għall-konsiderazzjoni tal-Kummissjoni għal aktar azzjoni dwar l-irkaptu tas-sajd. Fit-30 ta’ Mejju 2018 il-Kummissjoni adottat proposta għal reviżjoni tas-Sistema ta’ Kontroll tas-Sajd, li se ttejjeb ir-regoli dwar ir-rappurtar ta’ rkaptu tas-sajd mitluf, eż. permezz tal-introduzzjoni tar-rappurtar, u dwar l-irkupru tiegħu.

X’inhu l-kuntest legali ta’ din il-proposta?

Il-pubbliku ġenerali huwa sensittiv għall-impatt ambjentali tal-plastik. L-istħarriġiet tal-Ewrobarometru sabu li ċ-ċittadini Ewropej huma mħassba dwar l-impatt tal-prodotti tal-plastik ta’ kuljum fuq is-saħħa tagħhom (74 %) u fuq l-ambjent (87 %).

Dokumentarji bħal “ A Plastic Ocean” jew il-“ Blue Planet II” tal-BBC ġabu d-dimensjoni ta’ din il-problema globali għall-attenzjoni ta’ pubbliku usa’. 33 % tal-Ewropej identifikaw it-tniġġis tal-baħar bħala l-iktar kwistjoni ambjentali importanti.

L-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar il-Basktijiet tal-Plastik turi li miżuri restrittivi jistgħu jsarrfu f’riżultati immedjati u f'aċċettazzjoni mill-pubbliku. L-implimentazzjoni tagħha turi li anke imposti żgħar fuq basktijiet tal-plastik ħfief (madwar € 0.10) jistgħu jwasslu għal tnaqqis sinifikanti fil-konsum f’perjodu qasir. Fl-Irlanda, l-introduzzjoni ta’ taxxa fuq il-basktijiet tax-xiri tal-plastik irriżultat mhux biss fi tnaqqis ta’ 90 % tal-basktijiet tal-plastik ipprovduti fil-ħwienet tal-bejgħ bl-imnut, iżda wkoll fi tnaqqis sostanzjali f’basktijiet li nstabu fuq ix-xtut, minn medja ta’ 18-il baske t tal-plastik/500m fl-1999 għal 5 fl-2003.

Il-konsultazzjoni pubblika, li saret bejn Diċembru 2017 u Frar 2018, irċeviet aktar minn 1,800 kontribuzzjoni u wriet li kemm fost il-pubbliku ġenerali kif ukoll fost il-partijiet interessati hemm għarfien tal-ħtieġa għal azzjoni fuq prodotti tal-plastik li jintużaw darba biss. 98.5 % tar-rispondenti jqisu li l-azzjoni biex tindirizza l-iskart fil-baħar tal-prodotti tal-plastik li jintużaw darba biss hija “ neċessarja ”, u 95 % jqisuha “ neċessarja u urġenti” . Aktar minn 70 % tal-manifatturi u aktar minn 80 % ta’ ditti u riċiklaturi kkunsidraw l-azzjoni bħala “neċessarja u urġenti” . Iċ-ċarezza legali u ċ-ċertezza tal-investiment dwar suq uniku magħqud huma essenzjali għan-negozji kollha involuti fil-katina tal-valur tal-plastik.

Jien produttur ta’ prodotti tal-plastik li jintużaw darba waħda biss. S e jkolli nħallas għall-ispejjeż ta’ tindif u riċiklaġġ?

Skemi ta’ Responsabbiltà Estiża tal-Produtturi (REP) jżommu lill-manifatturi u lill-produtturi responsabbli għall-materjali li jużaw billi jagħtuhom ir-responsabbiltà finanzjarja u ambjentali tat-tindif tal-prodotti tagħhom wara l-użu. Dawn l-iskemi diġà huma stabbiliti sew għall-imballaġġ, fejn il-produtturi jaqblu li għandhom jikkontribwixxu. Bil-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-iskart li ġiet adottata f'Mejju 2018, ir-REP hija obbligatorja għall-imballaġġ kollu. Dawn l-iskemi REP jistgħu jinkludu spejjeż ta’ tindif tal-iskart.

Il-produtturi għandhom ir-responsabbiltà li jikkontribwixxu għall-ispejjeż tat-tindif u tar-riċiklaġġ, peress li qed jikkontribwixxu għall-problema upstream bil-metodi ta’ produzzjoni tagħhom. Bħalissa, l-ispejjeż tal-iskart ta' oġġetti tal-plastik li jintużaw darba biss jiġu ssodisfati mis-settur pubbliku — fl-aħħar mill-aħħar mill-kontribwenti — iżda wkoll minn atturi privati oħrajn bħall-industriji tat-turiżmu u tas-sajd li huma affettwati bil-kbir mill-iskart fil-baħar.

X'se jinbidel għall-irkaptu tas-sajd li fih il-plastik?

Irkaptu tas-sajd abbandunat, mitluf jew mormi jirrappreżenta madwar 27 % tal- oġġetti ta’ skart fil-baħar: l-ekwivalenti ta’ aktar minn 11,000 tunnellata fis-sena. L-irkaptu tas-sajd huwa ddisinjat biex jaqbad il-ħut, għalhekk anke jekk dan jintilef, il-ħut jibqa ’ jinqabad fih (“ ghost fishing” ), u dan jikkawża ħsara partikolari lill-ambjent marin. Il-plastik użat għall-irkaptu tas-sajd għandu potenzjal għoli ħafna ta’ riċiklaġġ, iżda s-suq tar-riċiklaġġ attwali huwa pjuttost żgħir u lokalizzat ħafna.

Din il-proposta għandha l-għan li tagħlaq iċ-ċirku għall-irkaptu tas-sajd billi tintroduċi skema ta’ Responsabbiltà Estiża tal-Produtturi għall-irkaptu li fih il-plastik. Ladarba jasal fuq ix-xatt, l-irkaptu tas-sajd tal-plastik għandu jiġi ttrattat mill-produtturi tal-partijiet tal-plastik tal-irkaptu tas-sajd, u mhux mill-portijiet. Is-sajjieda u l-artiġjana li jagħmlu l-irkaptu tas-sajd li fih il-plastik, mhumiex se jkunu koperti mill-iskema ta’ Responsabbiltà Estiża tal-Produtturi.

Din il-proposta tindirizza l-isfida tal-mikroplastiċi?

Proporzjon għoli tal-mikroplastiċi fl-oċeani tagħna jirriżulta mill-frammentazzjoni ta’ biċċiet kbar tal-plastik, għalhekk it-tnaqqas tal-iskart tal-plastik se jnaqqas il-preżenza ta’ mikroplastiċi.

Xi mikroplastiċ i huma miżjuda intenzjonalment mal-prodotti (pereżempju fil-koż metiċi, fiż-żebgħa jew fid-deterġenti), u l-Kummissjoni bdiet taħdem b’mod separat biex tirrestrinġi dan billi talbet lill-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi biex tirrevedi l-bażi xjentifika biex tkun tista’ tikkunsidra restrizzjoni.

Mikroplastiċi oħrajn jispiċċaw fl-oċean minħabba l-użu tal-prodott (pereżempju trab mill-użu tat-tajers jew mill-ħasil ta’ tessuti), jew mill-produzzjoni tal-plastik primarju (pereżempju, tixrid ta' pellets tal-plastik ta’ qabel il-produzzjoni). Il-Kummissjoni se tindirizza dan it-tip ta’ tniġġis permezz ta’ metodi biex jitkejlu l-kwantitajiet ta’ mikroplastiċ i emessi, tikkettar aħjar, miżuri regolatorji possibbli u aktar qbid permezz ta’ trattament tal-ilma mormi.

Kien hemm konsultazzjoni pubblika qabel l-iżvilupp tal-inizjattiva?

Iva. F’konformità mar-rekwiżiti tar-Regolamentazzjoni Aħjar, saru konsultazzjonijiet mal-partijiet interessati u saret konsultazzjoni pubblika miftuħa u valutazzjonijiet tal-impatt bir-reqqa fit-tħejjija tal-proposta. Fil-konsultazzjoni pubblika li saret bejn Diċembru 2017 u Frar 2018, 95 % tar-rispondenti qablu li azzjoni biex tindirizza l-prodotti tal-plastik li jintużaw darba biss hija kemm neċessarja kif ukoll urġenti, u 79 % jemmnu li dawn il-miżuri għandhom jittieħdu fil-livell tal-UE sabiex ikunu effettivi. 70 % tal-manifatturi u 80 % tad-ditti wkoll irrispondew li hemm bżonn ta' azzjoni urġenti. 72 % naqqsu l-użu tagħhom tal-basktijiet tal-plastik, 38 % minnhom matul is-sena li għaddiet.

X'inhuma l-passi li jmiss għall-proposta?

Il-proposti tal-Kummissjoni issa se jgħaddu għall-adozzjoni mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill. Il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-istituzzjonijiet l-oħrajn biex jagħtu prijorità lil dan id-dossier, u biex jiksbu riżultati tanġibbli għall-Ewropej qabel l-elezzjonijiet ta' Mejju 2019.

Lejn min hija mmirata l-kampanja dwar l-użu tal-prodotti tal-plastik li jintużaw darba biss?

Il-kampanja għandha fil-mira tagħha l-konsumaturi li huma konxji mill-impatti tal-iskart tal-plastik u l-iskart fil-baħar. Huma mħassba bl-iskala tal-problema iżda għadhom ma addottawx dan l-għarfien fl-għażliet tagħhom ta’ kuljum. G ħandha l-għan li tippromwovi alternattivi sostenibbli għall-prodotti tal-plastik li jintużaw darba biss, u tistieden lill-parteċipanti biex jieħdu azzjoni u li jbiddlu r-relazzjoni tagħhom mal-plastik.

Il-kampanja tindirizza lill-Ewropej kollha, b’fokus speċjali fuq għadd ta’ Stati Membri tal-UE fil-mira: Il-Bulgarija, il-Greċja, l-Italja, il-Polonja, il-Portugall, ir-Rumanija u Spanja. Minbarra l-materjal bl-Ingliż, ġie żviluppat ukoll materjal fil-lingwi ta’ dawn il-pajjiżi.

Meta se tiġi implimentata l-kampanja?

Il-kampanja tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-prodotti tal-plastik li jintużaw darba biss tnediet fil-5 ta’ Ġunju 2018, fil-Jum Dinji tal-Ambjent, li din is-sena kellu t-tema “ Niġġieldu Kontra t-Tniġġis mill-Plastik” . Kull ġimgħa hija tiffoka fuq kategorija speċifika waħda ta’ oġġetti tal-plastik li jintużaw darba biss, inklużi cotton buds, basktijiet tal-plastik, tazzi tal-kafè u l-għotjien, straws tal-plastik, pożati tal-plastik, boroż għal-lollipops u għall-ħelu u fliexken tal-plastik.